L-20 ta’ Marzu ta’ kull sena jimmarka la Journée de la Francophonie, okkażjoni li tiċċelebra l-kultura u l-lingwa Franċiża. Fit-18 ta’ Marzu 2025, id-Dipartiment tal-Franċiż fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Lingwi u l-Istudji Umanistiċi fl-Edukazzjoni stiednu studenti tal-10 sena u l-edukaturi tagħhom minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti biex jiltaqgħu fis-Sala Sir Temi Zammit.
L-istudenti ġew indirizzati minn Dr Anne-Marie Bezzina Busuttil, Kap tad-Dipartiment tal-Franċiż, li tkellmet dwar il-prospetti tal-karriera u l-importanza tal-istudju tal-Franċiż bħala lingwa barranija. L-Eċċellenza Tagħha Madame Sandrine Lelong-Motta, Ambaxxatriċi ta’ Franza, enfasizzat il-valur li tagħti l-għarfien tal-lingwa Franċiża għall-impjieg u l-ivvjaġġar fid-dinja globalizzata tal-lum.
F’rabta ma’ dan l-avveniment ġiet organizzata kompetizzjoni tat-tisjir: Le concours de recettes francophones għall-istudenti tal-10 sena. Intwerew l-erba’ filmati li kklassifikaw fl-ewwel postijiet, fejn koki żgħażagħ wrew il-ħiliet tagħhom fit-tisjir, u r-rebbieħa ngħataw kotba bħala premju flimkien ma’ kors ta’ konversazzjoni bil-Franċiż li se jsir matul il-vaganzi tas-sajf. L-istudenti ħadu sehem ukoll f’treasure hunt u logħob dwar il-kultura Franċiża, filwaqt li l-iskejjel rebbieħa ngħataw kotba bħala premjijiet.
Nadine Cassar u Naomi Mangion mill-klassi 10.1 tal-Kulleġġ San Tumas More, Skola Sekondarja, Santa Luċija, kisbu l-ewwel post f’din il-kompetizzjoni. Dawn iż-żewġ studenti verament bravi ħadmu flimkien biex joħolqu filmat eċċellenti ta’ riċetta Franċiża, fejn urew il-ħiliet tagħhom fil-lingwa Franċiża u t-talenti kulinarji tagħhom. Ir-riċetta li ppreżentaw kienet dik tal-Financiers aux amandes. Bil-kreattività u l-ħidma tagħhom rebħu l-ewwel premju, u ma nistgħux inkunu aktar kburin bil-kisba tagħhom! Prosit, Nadine Cassar u Naomi Mangion!